Wirja ta' memorabilja tal-mużika rock u pop ta' bejn il-'50ijiet u t-'80ijiet
Adrian CAMILLERI
8 ta' Frar, 2011 10:50 CET Nhar il-Ħamis, 10 ta' Frar, ser tiftaħ wirja marbuta mal-mużika rock u pop ta' bejn is-snin ħamsin u tmenin. Il-wirja ser tittella' minn Philip 'Rokarja' Pace, li ser ikun ukoll gwida matulha u ser ikun qed jagħti informazzjoni dwar l-istorja tal-mużika ta' dak iż-żmien.
Il-wirja qed tittella' bl-għajnuna ta' John Zammit, Joe Pace, Noel Mifsud, Paul Mifsud, Patrick 'Banzai' Farrugia, Sandro Vella u oħrajn.
Fost il-memorabilia għal wiri ser ikun hemm posters speċjali, ritratti, numru sew ta' kotba u magazines, diski żgħar u kbar (bil-firem awtentiċi), 'picture discs', cassettes, bolli rock u pop, telecards, kitarri żgħar fosthom waħda '24K gold plated' bil-ħaġar Spectra (Swarovski Crystal), plectrums, mudelli ta' personaġġi (Kiss, Freddie Mercury, Elvis Presley, Slash, Sid Vicious, Ozzy, John Lennon, Jimmy Page, Jimi Hendrix, Keith Richards u Jareth (il-karattru maħdum minn David Bowie fil-film
Labyrinth, mudelli ta' The Beatles, id-drums ta' Ringo Starr, prints speċjali u affarijiet oħra.
Il-wirja, imtella' f'60a Triq id-Dejqa, il-Belt Valletta, tibqa' miftuħa sal-Ħadd, 13 ta' Frar, b'dawn il-ħinijiet: mill-10:00 sas-13:00 u mill-16:00 sat-20:30. Il Ħadd filgħodu ser ikun hemm il-kantant u kitarrist Mark Spiteri, b'medley ta' kanzunetti famużi ta' dawk is-snin.